Ħal Għaxaq

Dħul

Print this page

Ħal Għaxaq

Ħal Għaxaq huwa raħal fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta il-bogħod mill-Belt 4 mili li jiġu wkoll 6.4km. Qabel is-26 ta’ April 1626 kien jagħmel parti mill-matriċi ta’ Santa Katerina taż-Żejtun.

Dan ir-raħal baqa’ jżomm dak il-wirt storiku li ħallew missirijietna fil-ħajja kampanjola. Il-parti kbira tan-nies għadhom jgħixu mill-qasam ta’ l-agrikoltura u t-trobbija ta’ l-annimali, filwaqt li ftit mnnhom huma mpjegati.

Popolazzjoni
L-iktar statistika bikrija li ttieħdet minn dan ir-raħal kienet ta’ l-1626 meta Ħal Għaxaq infired minn maż-Żejtun u twaqqaf f’parroċċa għalih. F’Ħal Għaxaq dak iż-żmien kienu joqogħdu madwar 340 ruħ u kellu 77 dar b’kollox. L-istess numru ta’ djar kien hemm fl-1646, imma wara erbatax il-sena il-popolazzjoni żdiedet sew għal 1,009 ruħ. Fl-1767 l-għadd tad-djar baqa’ l-istess, iżda l-popolazzjoni naqset għaliex instab li saret 352 ruħ. It-Torok u l-mard setgħu kienu raġuni għal dan in-nuqqas kif seta’ ġara fi nħawi oħra.Il-233 dar u l-1,166 ruħ kienet statistika maħruġa fl-1830, għalkemm wara wieħed u għoxrin sena kien hemm 1,059 ruħ. Dan it-tibdil fil-popolazzjoni minn żmien għal żmien iġegħelek tistgħaġeb. Is-sena 1890 ġabet risq tajjeb f’Ħal Għaxaq għaliex kellu 1,420 ruħ u 310 dar.

Fl-1901 kellu 1,518 ruħ; fl-1911 kellu 1,765 ruħ; fl-1921 kellu 1,629 ruħ. Minn din l-istatistika sa dik li kienet ħarġet fl-1961 il-popolazzjoni kienet dik ta’ 2,902 ruħ u fl-1985 kellu 3,649 ruħ. Illum il-popolazzjoni tlahhaq ftit aktar minn 4,500.
Kif Beda Ismu?

Ghaxaq - L-Oriġni

Min bdih dan ir-raħal ? Il-familja Axiaq, jew xi natura partikolari tagħat isimha lil ewwel familja li kienet tgħammar f’dan ir-raħal ? Awtur wieħed biss qal li Ħal Għaxaq ġej minn kunjom ta’ familja. Is-simbolu jew l-arma ta’ Ħal Għaxaq hu:- Tliet faxxi ħodor fuq kamp fidda. Il-Motto tiegħu hu :- Laeta Sustineo li jfisser Ħienja Nżomm.

Ħal Għaxaq fl-Imgħoddi
Għall-ħabta tas-sena 1419, f’Ħal Għaxaq kienu joqgħodu biss ftit familji. B’kollox kien hawn mal-144 persuna joqgħodu fir-raħal, li l-biċċa l-kbira minnhom kienu bdiewa jew sajjieda.

F’dak iż-żmien il-ħajja soċjali fl-irħula kienet marbuta ħafna mal-knisja. Divertiment ftit li xejn kien hawn u l-monotonija tax-xogħol kienet tittaffa bl-attivita’ li kienet issir fil-knisja. In-nies kienet tistenna b’ħerqa kbira l-festa tar-raħal u wkoll il-ftit festi nazzjonali bħal m’huma San Girgor u l-Imnarja.

L-Ewwel Kappella

Sa s-sena 1511 f’Ħal Għaxaq kien għad m’hawn l-ebda knisja jew kappella. Biex jaqdu d-dmirijiet spiritwali tagħhom l-Għaxqin ta’ dak iż-żmien kienu jmorru fil-kappella ta’ San Girgor, ġo Bisqallin, li kien parti miż-Żejtun. Iżda fil-1511, f’Ħal Għaxaq inbniet l-ewwel kappella ddedikata lil Santa Marija. Tinfed magħha, iżda iżgħar minnha, u ta’ inqas importanza, kien hemm kappella oħra li għal-ewwel kienet tissejjaħ ta’ San Girgor, imma li aktar tard bdew isejħulha tal-Madonna tar-Rużarju. Il-kappella ta’ Santa Marija l-oħra li tinfed magħha kienet mibnija bi stil sempliċi ħafna, għax il-livell t’arkitettura f’Malta kien għadu baxx wisq.

Quddies kienet issir biss waħda fis-sena, dak in-nhar tal-festa ta’ l-Assunta. Fil-bidu tas-sbatax il-seklu l-Viċi Kappillan taz-Żejtun, ir-Rev. Angelo Grech, fil-ħdud u fil-festi kmandati kien iqaddes quddiesa fil-Kappella ta’ Ħal Għaxaq. Il-festa ta’ Santa Marija saret l-akbar ċelebrazzjoni tas-sena għan-nies tal-post.

L-Għaxqin kienu jixtiequ li Ħal Għaxaq isir paroċċa għalih. Ix-xewqa tagħhom saret realta’ waqt ir-raba’ żjara pastorali li l-Isqof ta’ dak iż-żmien, Balthassar Cagliares, kien qiegħed jagħmel fid-djoċesi f’Malta. Fl-20 ta’ Marzu 1626 l-Isqof u xi assistant tiegħu marru jżuru l-Kappella ta’ Ħal Bisbut, in-naħa ta’ Bir id-Deheb. Kif waslu sabu delegazzjoni minn Ħal Għaxaq qegħda tistennihom. F’isem il-poplu kollhu Għaxqi, dawn talbu lill-Isqof biex ir-raħal tagħhom jinqata’ parroċċa għalih, għax minħabba l-bogħod li kellhom għaż-Żejtun, ma kienux qegħdin jaqdu d-dmirijiet spiritwali tagħhom sew.

L-Għaxqin ma ħallewx il-biċċa torqod u dsatax il-ġurnata wara, fit-8 t’April 1626, huma reġgħu marru, din id-darba kollha f’daqqa, għand l-Isqof. Għat-tieni darba wrewh ix-xewqa tagħhom li r-raħal isir parroċċa għalih. Issa n-numru t’Għaxqin kien kiber ġmielu. L-Isqof assigurhom li t-talba tagħhom kienet ser tiġi milqugħa, kif fil-fatt ġara fit-22 t’April 1626, meta nqata miż-Żejtun u sar parroċċa għalih. Kienet waħda mill-akbar ġrajjiet tas-seklu għar-raħal.
Ma’ l-elevazzjoni parrokkjali l-kappella oriġinali ta’ Santa Marija, li issa kienet f’kundizzjoni mhux ħażin, sarulha xi żidiet, fosthom il-lampier għas-Sagrament, fonti tal-Magħmudija, ħawt ta’ l-ilma Mbierek u konfessinarji għall-qrar. L-ewwel Kappillan tal-Parroċċa kien ir-Rev. Mattew Scriha.


       
View Larger Map