Ħal Għargħur

Geografija

Print this page

   Il-Mappa ta' Għargħur

Il-Għargħur huwa wieħed mill-iżgħar villaġġi f’Malta b’erja ta’ madwar 2 km kwadri u popolazzjoni ta’ madwar 2.086. Huwa villaġġ rurali karatteristiku li jinsab bejn in-Naxxar fuq il-Punent u l-Madliena fuq il-Lvant. Il-lokalità hija eżempju importanti ta’ villaġġ tipiku li għadu sal-lum imdawwar b’postijiet rurali u art agrikola ta’ kwalità tajba. Dan jipprovdi l-atmosfera kwieta u ta’ paċi li tinsab f’din il-lokalità b’ħafna postijiet ta’ kampanja madwara. Il-Għargħur għadu sal-lum iżomm l-istess karatteristiċi naturali madwar il-villaġġ, li jaqtgħu kompletament mill-lokalitajiet viċin tiegħu. Il-villaġġ għandu sfond u karattru rurali partikolari u huwa importanti li dawn jiġu konservati u protetti.
gharghur map
Il-parti urbana tal-Għargħur hija predominament residenzjali fil-karattru tagħha b’nukleu ta’ villaġġ tipiku madwar il-knisja u l-pjazza prominenti. Attivitajiet kummerċjali huma limitati għal postijiet ta’ bejgħ u xiri primarjament viċin l-inħawi tal-knisja. Xi wħud mill-aħjar eżempji ta’ valur ekoloġiku jinsabu fil-fruntieri tal-Għargħur. Dawn jinkludu Wied Anġlu, Wied il-Faħam, Wied ta’ Santa Marija taż-Żellieqa, Wied ta’ Piswella, Wied ta’ Santa Katerina u Wied id-Dis. Il-Great Fault jgħaddi wkoll mil-limiti tal-Għargħur. Il-Għargħur fil-fatt jinsab fuq art għolja u l-pożizzjoni prominenti tiegħu li tħares lejn il-kosta ta’ Baħar iċ-Cagħaq kienet tinsab adatta għall-istazzjon tat-televixin li qabel kien in-Naval Signal Station. Jinsabu wkoll preżenti fil-lokalità Il-victoria Lines (1870-1899), karatteristika storika b’potenzjal rikreattiv u turistiku.