L-Isla (Città Invicta)

Dħul

Print this page

  L-Isla (Citta' Senglea)

Għalkemm l-Isla hija penisula u mhux gżira, l-isem tal-Isla ġej mill-kelma ‘Isola’ li bit-taljan tfisser gżira. Fi żmien il-Gran Mastru Fra Philippo Villers del’Isle Adam kienet tintuża’ għall-kaċċa. L-ewwel bini li kien hemm kienet kappella mibnija fl-1311 dedikata lil San Ġiljan, patrun tal-kaċċaturi li snin wara reġgħet inbniet. L-attività tal-arsenal u l-flotta tal-Ordni ġabet ix-xogħol għal ħafna ħaddiema u bdew joqogħdu f’dawn l-inħawi.Il-Gran Mastru Fra Juan d’Homedes dawwar din il-peninsula bis-swar, u wara nbena l-forti (iktar tard magħrufa bħala Forti San Mikiel) .

Fl-1553, taħt it-tmexxija tal-Gran Mastru la Sengle ttellgħu aktar swar u nbnew abitazzjonijiet, hekk kien il-bidu tal-belt li ħadet ismu - Senglea.

Matul l-Assedju tal-1565 dil-belt kellha sehem importanti u ewlieni fid-difiża kontra attakki mit-Torok. Kien La Valette li taha t-titlu ta' qatt mirbuħa "Civitas Invicta". Din ir-rebħa ġiet iddikjarata nhar it-8 ta’ Settembru fil-festa tal-Bambina. Matul it-tmexxija tal-Kavallieri f'Malta, din il-belt kompliet żiedet fl-importanza tagħha u għal żmien twil kienet meqjusa bħala t-tieni l-aktar belt importanti wara l-belt Kapitali Valletta.

Fis-sena 1596, il-baħrin lokali ikkontribwixxu sabiex iwaqqfu knisja u kunvent li serva ta’ sptar fil-pesta tal-1837.

Fil-ħakma qasira tal-Franċiżi l-Isla kienet tifforma parti mill-Muniċipalità magħmula mill-ibliet ta' madwar il-port li kienu mdawra bis-swar. Numru ta’ Sengleani kienu ġew akkużati bi tradiment mill-Franċiżi, mentri suldati Maltin fuq l-għolja ta’ Kordin,ibbumbardjaw lill-kontiġenti Franċiżi li kienu l-Isla. Kienu twaqqgħu xi sebgħin dar f’dan il-post. F’daż-żmien u wara, mal-miġja tal-Ingliżi, l-abitanti tal-Isla kellhom sehem kbir u ewlieni fil-formazzjoni ta' era ġdida għal Malta.

Matul il-ħakma Ingliża fuq Malta, il-forza Navali Ingliża ħadet f’idejha t-Tarzna li kienu bnew il-Kavallieri fuq naħa waħda tal-Isla u komplew żviluppawha. L-ammiraljat kien ikkonfiska u biddel l-imħażen taħt is-swar tal-Isla f’Tarzna Navali. Hekk naraw li l-Ingliżi ħakmu u maż-żmien influwenzaw il-mod taq’ ħajja tal-abitanti. Kien ukoll f’dan il-perjodu li Gorg Mitrovich, Senglean, saħansitra kien mar personalment Londra u ppreżenta l-każ ta’ Malta bil-kitba u tejjeb id-drittijiet u l-liberta’ tal-Maltin taħt l-Ingliżi bil-kuntatti li kellu mal-House of Commons. Dan l-iżvilupp u tkabbir li sar fit-tarzna wassal biex fl-aħħar Gwerra l-Isla spiċċat fil-mira tal-attakki tal-għadu tant li l-biċċa l-kbira tagħha nqerdet bil-bombi. Ħafna Sengleani kellhom iħallu djarhom u marru refuġjati f’postijiet oħra madwar Malta. L-isfreġu li din il-belt sofriet matul il-gwerra issa ġie rranġat u din il-belt reġgħet bdiet tagħti kontribut lejn l-avvanż u l-iżvilupp tal-gżejjer Maltin.

             
View Larger Map

Dati Importanti fl-Istorja ta’ l-Isla u Malta

1311 Il-pedament tal-Knisja ta’ San Ġiljan fl-erja li kienet tiġi użata bħala post għal kaċċa faċċata tal-Birgu, magħrufa bhala Isola. Huwa magħruf li dan kien l-ewwel bini ġewwa din il-belt li imbagħad kienet ingħatat l-isem Senglea.

1552 Fit-8 ta’ Mejju 1552, beda ix-xogħol fuq il-pedament tal-Forti San Mikiel . Ix-xogħol imbaghad kien tlesta s-sena ta’ wara fl-1533 taħt it-tmexxija tal-Gran Mastru Juan d’Homedes fuq il-pjanta tal-Perit Pedro Pardo.

1550’s Il-Bini tal-belt imdawra bis-swar. L-erja li kienet magħrufa bħala Isola di San Giuliano jew Isola di San Michele, ġiet mogħtija l-istatus ta’ belt mill-Gran Mastru Claude de la Sengle li wara ġiet imsemmija għalih – “Senglea”. Il-belt ta’ l-Isla issa bdiet tikber u tieħu s-sura tagħha.

1565 Matul l-Assedju l-Kbir, l-Isla kienet involuta bil-kbir fl-assalt pero qatt ma ntrebħet. B’riżultat ta’ dan, il-Gran Mastru Jean Parisot de La Valette ta t-titlu lill-Belt ta’ l-Isla bħala “Civitas Invicta” (il-belt qatt mirbuħa).

1581 L-Isla saret Paroċċa, iddedikata għan-Nativita’ ta’ Ommna Marija.

1618 Is-sena meta waslet l-istatwa t’Ommna Marija magħrufa bħala l-Bambina. L-istatwa tal-Bambina ġiet mogħtija lill-kommunita’ Sengleana.

1676 L-Isla bħal bqija tal-bliet u rħula Maltin ġiet milqgħuta mill-marda qerrieda tal-pesta. Permezz ta’ din il-marda, mietu numru sostanzjali ta’ abitanti ġewwa din il-belt.

1794 Nicola u Madalena (nee’ Cornelio) ħallew il-propjetajiet u il-wirt kollu tagħhom taħt l-amministrazzjoni tal-Konfraternita tal-Kurċifiss sabiex wara mewthom, djarhom jiġu mibdula bħala Ospizio għan-nies fil-bżonn speċjalment għall-anzjani. Izjed tard dan l-Ospizio sar Dar għall-Anzjani.

1798 L-Isla ħadet sehem b’mod attiv fil-battalja kontra l-Franċiżi li dawn kienu ġew imkeċċija mill-Ingliżi u mill-Maltin fl-1800.

1813 L-Isla ġiet meħlusa mill-marda tal-pesta li reġgħet laqtet il-gżejjer Maltin. Bħala sinjal ta’ gratitudni ta’ dan il-ħelsien mill-pesta, ġiet mibnija statwa ta’ Ommna Marija u mpoġġija fil-qalba ta’ din il-belt.

1835 – 1839 Permezz ta’ l-isforzi u l-pressjoni li għamel Gorg Mitrovich, li saħansitra kien mar personalment Londra għal petizzjoni u ppreżenta l-każ ta’ Malta bil-kitba, tejjeb id-drittijiet u l-liberta’ tal-Maltin taħt l-Ingliżi bil-kuntatti li kellu mal-House of Commons. Mitrovich kien ipprotesta kontra l-Kunsill tal-Gvern li kien imwaqqaf biex jagħti l-pariri lill-gvernatur fl-1835. Skond Mitrovich, il-kunsill ma kienx jirrifletti r-rappreżentanza tal-Maltin għaliex il-membri tal-Kunsill kienu jiġu magħżula mil-gvernatur innifsu. Riżultat tal-pressjoni li kien qiegħed jagħmel,l-Ingliżi bgħatu Kummissjoni Rjali fl-1836 sabiex jistudjaw is-sitwazzjoni u jirrapurtaw lura s-soluzzjonijiet mill-aktar fis. Wieħed jista’ jgħid li dan kien l-ewwel pass għal awtonomija wara d-Dichiarazione dei Diritti ta’ l-1800. Fuq l-inizzjattiva tas-senglean Gorg Mitrovich, Malta ingħatat il-Liberta’ tal-Kitba fil-Gazzetta fl-1839 wara r-rapport li kien ħareġ mill-Kummissjoni Rjali. Wara dan l-iżvilupp l-ewwel gazzetti lokali ta’ kuljum ġew ippublikati.

1921 L-istatwa tal-Madonna tal-Vittorja (il-Bambina) ġiet ikkurunata mis-Sengleani b’kuruna tad-deheb u ħaġar prezzjuż nhar l-4 ta’ Settembru 1921. Iżjed qabel il-parroċċa ta’l-Isla ġiet mogħtija it-titlu ta’ Bażilika mill-Papa Benedittu XV. Is-Senglean Mons Ignazio Panzavecchia ġie maħtur bħala l-ewwel Prim Ministru Malti fil-kostituzzjoni awtonoma fl-1921. Madanakollu minħabba l-posizzjoni ekklesjastika tiegħu, ħalla l-għola posizzjoni fil-Gvern. Warajh kien ġie maħtur Prim Ministru Joseph Howard.

1939 – 1945 Matul it-Tieni Gwerra Dinija, l-Isla ġarbet bosta bumbardamenti ħorox li dawn għamlu ħerba mill-biċċa l-kbira tal-belt. Ġew ikkawżati wkoll bosta mwiet. Il-belt kollha u l-bliet ta’ l-inħawi ġew evakwati. Żewġ dati importanti għall-istorja ta’l-Isla matul il-gwerra kienu is-16 ta’ Jannar 1941 u 20 ta’ Ġunju 1943. Dak inhar tas-16 ta’ Jannar 1941 kien sar bumbardament qawwi mill-Luftwaffe fuq l-HMS Illustrious ġewwa Kordin li kien ħalla ħafna ħsara u mwiet filwaqt li nhar l-20 ta’ Ġunju 1943 ir-Re Ġorġ VI żar din il-belt u faħħarha għal qlubija tagħha.

1987 Id-dar ta’l-anzjani Sant’Anna reġgħet ġiet miftuħa wara li kien sar xogħol ta’ tibdil fl-istuttura. Din id-dar li nbniet fuq hekk imsejjaħ Ospizio, issa kienet qegħda tikkomoda madwar 30 anzjan.

1990 Il-Papa Ġwanni Pawlu II għamel iż-żjara tiegħu ġewwa l-Isla nhar is-26 ta’ Mejju. Dan huwa moment storiku ieħor għall-Isla.

1991 F’nhar il-50 anniversarju mis-16 ta’ Jannar 1941, ġie nawgurat monument bħala tifkira għas-sengleani li mietu matul il-gwerra.

1994 Nhar id-19 ta’Marzu 1994 saret l-ewwel elezzjoni għall-Kunsill Lokali. L-ewwel Sindku ta’ l-Isla kien Sur.Stephen Perici. Sussegwentament inżammu elezzjonijiet għal Kunsill Lokali fis-6 ta’Marzu 1996, 13 ta’ Marzu 1999, 9 ta’ Marzu 2002, fit-12 ta’ Marzu 2005, 8 ta’ Marzu 2008 u 10 ta' Marzu 2012. Is-Sindku preżenti huwa is-Sur Justin John Camilleri.

1998 Ġie iċċelebrat għall-ewwel darba “Jum l-Isla”. Din id-data ġiet magħżula biex jitfakkar it-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla tal-Forti San Mikiel u kienet ingħatat it-titlu ta’belt.

2008 Nhar l-Erbgħa, id-19 ta’ Novembru, matul ċerimonja uffiċjali fis-sede tal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR), tħabbru r-riżultati tar-Regional Champions Awards 2008 tar-rivista Regional Review, li saru bil-kooperazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni.

B’għaxar kategoriji differenti, dawn il-premji għandhom l-għan li jidentifikaw u jservu ta’ vetrina għall-aħjar eżempji ta’ innovazzjoni u l-aqwa prattiki reġjonali madwar ir-reġjuni kollha tal-UE filwaqt li jinxteħet dawl fuq proġetti li jistgħu jkunu ta’ eżempju għar-reġjuni l-oħrajn.

Il-Kunsill Lokali ta’ l-Isla rebaħ il-premju prestiġjuż magħruf bħala European Regional Champions Awards 2008 fil-kategorija għad-Djalogu Interkulturali.

2009 Il-Kunsill Lokali Isla bil-kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għad-Djalogu Pubbliku u Informazzjoni organizza Festival Marittimu nhar il-Ħadd 17 ta’ Mejju f’ Xatt Juan B. Azopardo mill-Maċina sa’ l-Ponta ta’ l-Isla. L-attrazzjonijiet ewlenin kienu jinkludu esebizzjoni mill-iSwadra Marittima tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-funzjoni tal-Maċina b’repplika tal-krejn li kien jintuża’ biex ineħħi l-arbli minn fuq il-bastimenti, diorama ta’ l-HM Naval Base, Xprunara, Tarzna Tradizzjonali Maltija, Purcissjoni bl-iStatwa ta’ Marija Bambina sabiex jitfakkar il-8 ta’ Settembru 1943.

2010 L-Isla terbaħ l-unur tal-Premju EDEN 2010 ( Destinazzjoni Ewropea ta’ Eċċellenza) fit-Turiżmu Akwatiku.

Għar-raba’ sena l-Awtorita’ Maltija ghat-Turizmu ipparteċipat fil-programm Destinazzjoni Ewropea ta’ Eċċellenza (EDEN). Dan il-progett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea ġie żviluppat mill-Kummissjoni Ewropea bl-għan li jippromwovi mudelli ta’ turiżmu sostenibbli madwar l-Ewropa.

It-tema maghzula kienet it-turizmu akwatiku bl-Isla tikkompeti ma’ bliet kostali ohra li implimentaw turiżmu akwatiku sostenibbli – proġetti relatati fl-aħħar 3 snin, bl-Isla l-unur. Il-Kunsill Lokali Isla ippreżenta l-Festival Marittimu Senglea bħala l-proġett ewlieni tagħhom. Dan l-avveniment, li ġie imtella’ f’ Mejju tas-sena l-oħra iffoka fuq l-infurzar ta’ l-identita’ Sengleana bħala Marittima u titqajjem kuxjenza fuq l-irbit storiku marittimu.

Ċerimonja ta’ l-għoti tal- premju ġiet imtella’ mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu inżammet ġewwa Ġnien il-Gardjola nhar is-27 ta’ Mejju 2010.

Il-Kummisjoni Ewropea żammet ċerimonja uffiċċjali ġewwa Brussel fis-27 ta’ Settembru 2010 fejn il-Viċi President ta’ l-Unjoni Ewropea is-Sur Antonio Tajani ippreżenta il-premju. Kellna wkoll l-opportunita’ li nieħdu sehem fl-esebizzjoni ta’ l-EDEN flimkien ma’ l-24 destinazzjoni t’ Eċċellenza għas-sena 2010 fl-okkazzjoni tal-Ġurnata Ewropea iddedikata lit-Turiżmu.

 

Isla promenade